Tuesday, June 16, 2009

Il-Bram

F'dawn l-aħħar snin, malli jersaq is-sajf u jibda l-istaġun tal-għawm, dlonk tqum il-problema tal-bram. Donnu minn xi snin ‘l hawn dawn żdiedu, bil-konsegwenza li qed itellfu l-gost ta' għawma li tiffriska u ttaffi mis-sħana tas-sajf.

Il-bram kulħadd jaf jagħrafhom. Dawn huma annimali invertebrati b'tentakoli ta' tul li jiddependi mill-ispeċi. Fit-tentakoli wieħed isib ammonti kbar ta’ ċelloli ('cnidocysts') li huma mgħammra b'labar ('nematocysts'). Malli jmissu ma’ xi ħaga dawn ic-ċelloli jisparaw il-labra tagħhom u jinjettaw il-velenu ġol-vittma.(1) Karatteristika ta' dawn in-‘nematocysts’ hi li kapaċi jniggżu anke meta t-tentakolu jkun maqlugħ minn mal-brama jew din innifisha tkun mietet.(2)

Il-konsegwenzi lokalizzati ta' gidma ta' brama huma uġigħ li jiżdied fuq medda ta' għaxar minuti, ħmura, ħakk, nefħa, bżieżaq li jistgħu jkunu mimlija b'likwidu ċar jew materja, u ulċeri. Rarament il-gidma jista' jkollha wkoll konsegwenzi serji u ġenerali bħal żieda fil-produzzjoni tar-riq, disturbi gastrointestinali, spażmu muskolari, disturbi respiratorji u problemi cardjovaskolari.(1)

Il-kura ta' gidma ta' brama għandha tibda billi l-parti tal-ġisem affettwata tinżamm ma tiċċaqlaqx u wara jigi applikat il-ħall (dan biex ma jibqgħux ħerġin iktar labar mit-tentakolu).1 Għandhom jiġu evitati ilma ħelu, alkoħol, ammonja, u ‘bleach’ għax dawn jistimulaw it-tentakoli biex jisparaw iktar labar.(1)

Li jmiss hu li jitneħħew xi tentakoli li jkun għad baqa’ mal-ġisem. Dan għandu jsir b'kura, preferibbilment bl-użu ta' ngwanti u pinzetta.(2) Wieħed għandu joqgħod attent li t-tentakoli jiġu merfugħa 'l fuq u mhux mimsuħa.1 Huwa wkoll siewi li l-parti tal-ġisem affettwata tigi mqaxxra minn xi suf jew xagħar.(1)

Il-pass li jmiss hu li jsir kuntatt ma' tabib biex dan jagħti parir dwar xi ngwenti jew pilloli li jistgħu ikunu ta' fejda.

Sfortunatament baqa’ ħafna xi nsiru nafu dwar il-bijoloġija tal-bram, bil-konsegwenza li ċertu 'kuri' bbażati fuq l-għajdut minflok ġid jistgħu jagħmlu ħsara.(3) Għalhekk il-bżonn ta' iktar studju f'dan is-suġġett.


Dr A. Cordina


Referenzi
  1. Brown T.B. Diagnosis and management of injuries from dangerous marine life. http://cme.medscape.com/viewarticle/512590
  2. Allen Perkins R., Morgan S.S. Poisoning, envenomation, and trauma from marine creatures. Am Fam Physician 2004;69:885-90,893-4.
  3. Bailey P.M., Little M., Jelinek G.A.,Wilce J.A. Jellyfish envenoming syndromes: unknown toxic mechanisms and unproven therapies. MJA 2003 178 (1): 34-37