Saturday, July 04, 2009

Influwenza A H1 N1 (swine flu)

Issa li din l-influwenza ġiet fostna tajjeb li wieħed ikun jaf x'għandu jagħmel meta jiltaqa' ma xi ħadd marid.

Informazzjoni għall-pazjent

  1. Il-persuna infettata għandha tiġi iżolata fid-dar. Dan billi toqgħod ġo kamra waħda għal sebat ijiem. Din il-kamra trid tinżamm bil-bieb magħluq u t-twieqi miftuħin. Persuna waħda oħra biss għandha tidħol f'din il-kamra biex iddur bil-marid.
  2. Il-marid irid jevita li jmur fi kmamar oħra tad-dar speċjalment kmamar li jintużaw minn kulħadd, per eżempju il-kċina.
  3. Tfal m'għandhomx jitħallew ħdejn il-marid.
  4. Jekk hu possibli il-marid għandu jkollu kamra tal-banju għalih. Din il-kamra għandha tiġi mnaddfa kuljum b'diżinfettant.
  5. Il-pazjent għandu jilbes maskla meta joħroġ mill-kamra jew xi ħadd jidħol ħdejh.
  6. Meta jagħtas għandu jgħatti ħalqu u mnieħru u wara jaħsel idejh bis-sapun jew juża 'alcohol wipes'.
  7. Għandhom jinxtorbu ħafna fluwidi.
  8. Id-deni jiġi kkontrollat permezz ta' paracetamol.
  9. Tfal morda bl-infuwenza H1N1 m'għandhomx jingħataw aspirina.
  10. Tissues użati jridu jiġu mormija ġo disposable garbage bag ħdejn is-sodda.
  11. Il-maskli għandhom jintużaw darba biss u wara jintremew ġol-garbage bag. L-idejn iridu jiġu maħsula kull darba li tintmess il-maskla.

Informazzjoni għal min qiegħed idur bil-marid

  1. Persuna adulta waħda biss (mhux mara tqila) trid tieħu ħsieb il-marid u din trid toqgħod dejjem metru bogħod.
  2. Tfal żgħar morda għandhom jinżammu fuq l-idejn bil-geddum fuq l-ispalla biex ma jisgħolux f'wicc dak li jkun.
  3. L-idejn jinħaslu wara kull darba li jintmess il-marid, xi ħwejjeġ tiegħu jew tissues.
  4. B'mod ġenerali, kull min joqgħod fl-istess dar għandu jahsel idejh spiss.
  5. L-uċuħ (komodini, sinkijiet, viti, manilji tal-bibien u tat-tojlit) għandhom jitnaddfu regolarment b'disinfettant tad-dar.
  6. Ġugarelli jinħaslu bl-ilma u s-sapun.
  7. Ħadd m'għandu juża ħwejjeġ u xugamani tal-marid. Dawn jistgħu jinħaslu mal-ħwejjeġ tal-persuni l-oħra fid-dar b'deterġenti normali u jinħarġu biex jinxfu fix-xemx. Jekk jintuża tumble drier dan irid ikun fuq hot setting.
  8. Ħadd m'għandu juża pożati (frieket, skieken, tazzi, platti eċċ) li jkunu gew użati mill-marid qabel dawn jinħaslu. Il-ħasil jista' jsir b'mod normali ma' tal-bqija tad-dar.
  9. Id-dar trid tiġi miftuħa għall-arja kemm jista' jkun.
  10. Mhux idea tajba li jiġu persuni minn barra d-dar iżuru lill-marid.
  11. Jekk min qed idur bil-marid iħossu ma jiflaħx għandu jċempel għat-tabib.

Kif tinduna li xi ħadd bl-influwenza għandu bżonn għajnuna medika urġenti.

Tfal
  • Problemi bin-nifs.
  • Kulur griż jew kaħlani tal-ġilda.
  • Nuqqas ta' xorb ta' likwidi.
  • Remettar qawwi.
  • Telqa qawwija (mhux iqum jew jinteraġixxi mal-oħrajn).
  • Irritabilita' (ma jridx min iżommu).
  • Sintomi ta' influwenza li jmorru u jiġu lura b'deni u sogħla agħar
Adulti
  • Diffikulta' jew qtugħ ta' nifs.
  • Diffikulta biex jitkellem.
  • Uġigħ fis-sider jew fiż-żaqq.
  • Sturdament
  • Stat konfuż.
  • Telqa kbira.
  • Remettar qawwi u persistenti.
  • Sintomi ta' influwenza li jmorru u jiġu lura b'deni u sogħla agħar
Miżuri personali ta' protezzjoni
  • Jiġi evitat kuntatt mill-qrib ma' morda bl-influwenza. Tinżamm distanza ta' metru.
  • Jiġu evitati postijiet iffullati.
  • Ħasil spiss tal-idejn bl-ilma u s-sapun jew alkoħol.
  • Ma jintmessux l-għajnejn, l-imnieħer, u l-ħalq.


 Dr A. Cordina


Referenzi
  • Infectious Disease Prevention and Control Unit, Msida, Malta