Friday, December 11, 2009

Ir-riforma proposta mill-Gvern għall-kura primarja…xi tfisser

Il-Gvern Malti għadu kemm ippubblika dokument għall-konsultazzjoni li jipproponi tibdiliet fil-mod kif titħaddem il-kura primarja ġewwa Malta. Xi jfissru dawn it-tibdiliet u lil min ser jaffettwaw?

It-tibdiliet huma konsiderevoli u jaffettwaw lill-pazjenti, lit-tobba, u lill-gvern.

Il-pazjent
• Bil-liġi l-pazjent ser ikun imġiegħel jagħżel tabib tal-familja minn lista ta’ madwar 150 u jirreġistra ruħu miegħu.
• Kull meta l-pazjent ikollu bżonn juża xi test mediku, jew referta għand speċjalist l-isptar tal-gvern, irid l-ewwel imur għand dan it-tabib partikolari.
• Il-pazjent irid iħallas biex juża s-servizzi ta’ dan it-tabib ħlief f’każi ta’ persuni żvantaġġjati ekonomikament, jew f’każi ta’ mard kroniku (per eż. dijabete) fejn hemm maħsub xi forma ta’ sussidju mingħand il-gvern.

It-tabib

• Biex it-tabib ikun jista’ jkollu pazjenti reġistrati miegħu irid ikun imniżżel fir-reġistru tal-ispeċjalisti tal-Mediċina tal-Familja (Family Medicine), u ma jistax ikun imjegat tal-gvern.
• Eventwalment it-tabib ser jiġi mġiegħel jingħaqad ma’ tobba oħrajn bħalu biex jiffurmaw ‘group practice’.
• It-tabib f’din l-iskema jrid jagħmel investiment waħdu jew bi sħab biex jixtri jew jikri propjeta minn fejn jagħti s-servizzi tiegħu.
• Il-klinika tat-tabib trid tkun mgħammra b’apparat ta’ kompjuter kif ukoll ser ikun inkoraġġit investiment f’tagħmir li permezz tiegħu jistgħu jsiru testijiet mediċi (per eż. X-ray).
• Biex iħaddem il-klinika it-tabib ikollu jimpjega nurses, managers, receptionists eċċ.
• It-tabib irid jiżgura lill-pazjenti reġistrati miegħu aċċess 24 siegħa (il-pazjenti jridu jkunu jistgħu jsibu lit-tabib tagħhom jew xi ħadd imqabbad minnu l-ħin kollu).

Il-Gvern
• Il-gvern ser jagħmel investiment f’ċentri tas-saħħa ġodda biex dawn joffru iktar servizzi (per eż operazzjonijiet).
• Ser jagħti sussidji lill-persuni li ma jistgħux iħallsu tabib privat.
• Ser jagħti sussidji lit-tobba fl-iskema biex jgħinhom fl-investimenti li ser ikunu mġiegħla jagħmlu.


Dr A. Cordina



Referenzi
  • Consultation Document. Strengthening Primary Care Services. Implementation of a Personal Primary Health Care System in Malta. Ministry for Social Policy (Health, Elderly and Community Care) December 2009