Saturday, August 14, 2010

Pilloli tal-kalċju u attakki tal-qalb

Numru sostanzjali ta' nisa ta' iżjed minn erbgħin sena jużaw pilloli tal-kalċju biex isaħħu l-għadam. Studju reċenti juri li din il-prattika tista' twassal għal żieda fir-riskju ta' attakk tal-qalb, speċjalment jekk ma' dawn il-pilloli ma titteħidx vitamina D. Dan ħareġ minn studju ippubblikat fil-ġurnal mediku BMJ tad-29 ta' Lulju 2010 fejn l-awturi, Dr Mark J Bolland u sħabu għamlu analiżi ta' 15-il studju li b'kollox kellhom 11,921 parteċipant.


Skont Dr Ian Reid mill-Universita' ta' Auckland, f'kummenti lis-sit elettroniku Medscape, nisa li qed jieħdu dawn is-supplimenti għandhom jiddiskutu jekk ikompluhomx mat-tabib tagħhom. Hu kompla jgħid li jista' jkun aħjar jekk flok dawn il-pilloli jittieħed ikel li hu magħruf bħala sors tajjeb tal-kalċju.


Mhux kulħadd jaqbel ma' dawn il-konklużjonijiet. Dr John Cleland u sħabu, f'editorjal ippubblikat fl-istess ġurnal jgħidu li dan hu sempliċement l-effett ta' ħruq ta' stonku kkawżat mill-pilloli tal-kalċju li qed ikun dijanjostikat bħala attakk tal-qalb. Huma jsostnu l-argument tagħhom billi jinnotaw li fil-pazjenti studjati ma kienx hemm żieda fil-mortalita'.

Dr A. Cordina