Monday, March 19, 2012

Puplesija


Puplesija, jew ‘stroke’ bl-ingliż, huwa meta jkun hemm funzjonament ħażin ta’ parti mis-sistema newroloġika tal-bniedem minħabba nuqqas ta’ demm fil-moħħ. Biex problema tikkwalifika bħala puplesija trid iddum aktar minn 24 siegħa. Meta l-problema ddum inqas minn 24 siegħa din insejħulha riħ ta’ puplesija, jew ‘transient ischaemic attack – TIA’. Is-sintomi ta’ puplesija jistgħu jittaffew  jekk tingħata kura u terapija fil-waqt u għal tul ta’ żmien.

Puplesija hija emerġenza medika u kura fil-waqt hija essenzjali.

Is-sistema li tissupplixxi demm lill-moħħ hija waħda kkumplikata u tinvolvi sebgħa arterji prinċipali u diversi arterji sekondarji. Puplesija tiġri meta waħda minn dawn l-arterji jew timblokka ruħha jew inkella tinqasam. L-imblukkaġġ jista’ jkun ikkawżat minn waħda jew diversi minn pressjoni għolja, ritmu irregolari tal-qalb, tipjip, dijabete, fatturi ġenetiċi, jew nuqqas ta’ nifs waqt l-irqad magħruf bħala ‘obstructive sleep apnoea’. Qsim tal-arterji tal-moħħ jista’ jiġri minħabba pressjoni għolja, difetti fl-istruttura tal-arterji, tumuri, nuqqas fl-abbilta tad-demm li jagħqad, ċerti mediċini li jraqqu d-demm, kif ukoll fatturi ġenetiċi.


Is-sintomi u sinjali ta’ puplesija mhux f’kull pazjent l-istess peress li il-fattur prinċipali li jiddetermina x’iħoss l-individwu hu fejn fil-moħħ issir il-ħsara. B’hekk puplesija li taffettwa il-parti ta’ barra tal-moħħ tikkawża problemi differenti minn puplesija tal-partijiet ta’ ġewwa tal-moħħ. Fattur ieħor hu il-kobor tal-parti nvoluta minn puplesija – iktar ma tkun estiża il-puplesija iktar tkun serja il-kundizzjoni tal-pazjent.

Persuna li għadu kemm sofra puplesija.



B’hekk puplesija tista’ tippreżenta ruħha b’waħda jew bosta minn dawn li ġejjin: uġigħ ta' ras qawwi, telqa żejda, tibdil fil-personalità, nuqqas ta’ saħħa fl-idejn u s-saqajn, tnemnim u nuqqas ta’ ħass fl-idejn u s-saqajn, nuqqas fil-viżta tal-għajnejn, nuqqas fl-abbilta’ li wieħed jesprimi ruħu, sturdament, u f’każi gravi jista’ jirriżulta ‘locked in syndrome’ – jiġifieri l-individwu jitlef il-kontroll fuq ġismu.

Ħlief ċerti mediċini jew kirurġija għal każi speċifiċi ma tantx hemm x’wieħed jista’ jagħmel biex jikkura puplesija – il-ġisem irid ifejjaq lilu innifsu. Dan jiġi mgħejjun permezz ta’ perjodu ta’ riabilitazzjoni u fisjoterapija. Għalhekk il-prevenzjoni hija ta’ importanza kbira u din issir permezz ta’ dieta bilanċjata, eżerċizzju regolari u kontroll ta’ fatturi li jistgħu jikkawżaw puplesija.


Pazjent li sofra puplesija waqt il-perjodu ta' riabilitazzjoni.



Dr A. Cordina


 

No comments: