Saturday, June 21, 2014

Shot at!

Yesterday evening somebody decided to play around with an airgun in the vicinity of Gzira Health Centre. A couple of shots rang out...then a bang and the noise of a ricochet. One pellet entered through an open window, hitting a cupboard door, passing within a whisker from my face before tumbling harmlessly on the floor. I shudder to think what would have happened had the trajectory been slightly different....

Thursday, June 05, 2014

Kif inħarsu saħħitna fis-sajf

Sajf tipiku Malti huwa kkaratterizzat minn temperaturi għoljin u umdità qawwija fl-arja. Filwaqt li għat-turisti li jiġu jżuruna dawn il-kundizzjonijiet huma ideali, mhux daqstant għal min irid jagħmel tliet xhur jgħix ġo fihom. L-iktar esposti għall-effetti kiefra tas-sħana huma t-tfal żgħar, l-anzjani u l-morda.

Ir-raġġi tax-xemx għandhom effetti fuq il-ġilda tal-bniedem. Dawn narawhom meta din tismar, jew inkella tiħmar wara ħin twil fix-xemx. Filwaqt li suntan tista' tkun sabiħa u attraenti, wieħed irid iżomm f'moħħu li r-raġġi tax-xemx jistgħu jikkawżaw kanċer tal-ġilda. Għalhekk wieħed għandu jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji li huma:
  • tiġi evitata x-xemx bejn il-ħdax ta' filgħodu u t-tlieta ta' wara nofsinhar
  • jintlibes kappell
  • jintlibes nuċċali tax-xemx
  • jintlibsu ħwejjeġ ċari u mhux issikkati
  • tintuża krema kontra r-raġġi tax-xemx (sunblock) li tkun adattata għall-ġilda tal-individwu (ġilda ċara teħtieġ protezzjoni iktar qawwija).

Is-sajf ipoġġina f'temperaturi għoljin li l-ġisem tagħna jirrispondi għalihom billi jipproduċi l-għaraq. L-għaraq jgħin biex it-temperatura tal-ġisem tibqa' kostanti. Dan it-telf ta' likwidi jrid ipatti għalih ix-xorb ta' likwidi. L-aħjar li jinxtorob hu ilma frisk (mhux kiesaħ) f'ammont ta' madwar żewġ litri fil-ġurnata. Jekk dan ma jsirx il-persuna tista’ tiġi dehydrated, tinżlilha l-pressjoni u saħansitra jħossha ħażin.

Riskju ieħor assoċjat ma’ nuqqas ta’ xorb ta’ likwidi fis-sajf hu dak ta’ ġebla fil-kliewi. Dan għaliex f’sitwazzjoni fejn il-ġisem ikun nieqes mill-fluwidi, dawn jittieħdu mill-urina li b’hekk issir iktar konċentrata. Urina kkonċentrata tagħmilha faċli li titrabba l-ġebla fil-kliewi.

It-temperaturi għoljin tas-sajf ikollhom effett ukoll fuq il-moħħ. Bosta nies ikunu irritabbli jew apatiċi f'dan l-istaġun, probabbilment minħabba nuqqas ta' rqad, jew irqad ħażin. Ġranet twal u sħan inaqqsu mill-irqad. Fil-ġranet tas-sajf wieħed għandu jnaqqas l-impenji ta' xogħol, jew jekk dan mhux possibli, jiżgura li l-mistrieħ tiegħu jieħdu.

Biex jiffriskaw xi ftit bosta nies jerħulha lejn il-bajjiet. Hemm diversi prekawzjonijiet li wieħed jagħmel tajjeb li jieħu qabel din l-attività pjaċevoli. Dawn jinkludu:

  • Jagħżel bajjiet fejn l-ilma jkun nadif. Portijiet u marinas għandhom tendenza jkollhom ilma baħar imniġġeż biż-żjut u ħmieġ ieħor tad-dgħajjes. Għawm f’ilma mniġġeż jista’ jwassal għal infezzjonijiet fil-ġilda.
  • Ma jkunx prużuntuż. Mhux kulħadd għandu l-istess abbiltajiet fiżiċi, għalhekk għawwiema mhux esperti għandhom jevitaw bajjiet fejn l-ilma huwa fond jew imqalleb.
  • Ma jimxix ħafi lanqas fuq il-bajja. Bosta huma dawk li jweġġgħu saqajhom għax jaqtgħuha ma’ xi biċċa ħġieġa mkissra, jirfsu fuq ġamar jikwi, jew jitniggżu b’siringi mormija.


Attività li dejjem qed iżżid fil-popolarità hija l-għads. Huwa importanti li wieħed jagħmel eżami mediku qabel wieħed jibda dan il-passatemp. Dan hu tajjeb għaliex hemm diversi kundizzjonijiet mediċi li jekk wieħed ikun ibati bihom aħjar ma jogħdosx, bħal pereżempju l-ażżma mhux kontrollata. Kif ukoll wieħed irid jieħu ħsieb li jekk ikun ma jiflaħx jaħsibha darbtejn qabel jinżel jogħdos, għax ċertu mard bħal sinusite jiggrava bit-tibdil fil-pressjoni tal-ilma.

La qed insemmi l-għawm u l-baħar ma nistax ma nitkellimx dwar il-bram.

F'dawn l-aħħar snin, malli jersaq is-sajf u jibda l-istaġun tal-għawm, dlonk tibda l-problema tal-bram. Donnu minn xi snin ’l hawn dawn żdiedu, bil-konsegwenza li qed itellfu l-gost ta' għawma li tiffriska u ttaffi mis-sħana tas-sajf.

L-ewwel ħaġa li wieħed għandu jagħmel biex ma jingidimx hu li jiżgura ruħu li jmur jgħum f’bajjiet li ma fihomx bram. Wieħed jista’ jikkonsulta ma’ siti meteoroloġiċi jew rapport tat-temp biex jara d-direzzjoni tar-riħ. Jekk ir-riħ ikun jitfa’ ’l ġewwa r-riskju li jkun hemm il-bram jiżdied. Illum hawn ukoll siti fuq l-internet li jagħtuk mappa, aġġornata kuljum,  ta’ fejn qiegħdin il-bram. Titwila lejn il-baħar qabel wieħed jinżel hija wkoll importanti.

Il-konsegwenzi lokalizzati ta' gidma ta' brama huma uġigħ li jiżdied fuq medda ta' għaxar minuti, ħmura, ħakk, nefħa, bżieżaq li jistgħu jkunu mimlija b'likwidu ċar jew materja, u ulċeri. Rarament il-gidma jista' jkollha wkoll konsegwenzi serji u ġenerali bħal żieda fil-produzzjoni tar-riq, disturbi gastrointestinali, spażmu muskolari, disturbi respiratorji u problemi kardjovaskolari.

Il-kura ta' gidma ta' brama għandha tibda billi l-parti tal-ġisem affettwata tinżamm ma tiċċaqlaqx u wara jiġi applikat il-ħall (dan biex ma jibqgħux ħerġin iktar labar mit-tentakolu). Għandhom jiġu evitati ilma ħelu, alkoħol, ammonja, u bleach għax dawn jistimulaw it-tentakoli biex jisparaw iktar labar.

Li jmiss hu li jitneħħew xi tentakoli li jkun għad baqa’ mal-ġisem. Dan għandu jsir b'kura, preferibbilment bl-użu ta' ingwanti u pinzetta. Wieħed għandu joqgħod attent li t-tentakoli jiġu merfugħa 'l fuq u mhux mimsuħa. Huwa wkoll siewi li l-parti tal-ġisem affettwata tiġi mqaxxra minn xi suf jew xagħar.

Il-pass li jmiss hu li jsir kuntatt ma' tabib biex dan jagħti parir dwar xi ingwenti jew pilloli li jistgħu jkunu ta' fejda.

Il-ġilda tal-bniedem tista’ tiġi attakkata wkoll minn insetti, li fis-sajf il-maġġoranza tagħhom ikunu nemus, żnażan, u naħal. Gidma ġġib magħha nefħa, ħmura u ħakk. Inqas spiss gidma tista’ tikkawża infezzjoni. L-aħjar prevenzjoni huwa l-ilbies li però fis-sajf bilfors ikun imqaċċat. Għall-ġewwa d-dar wieħed jista’ juża insect screens mat-twieqi u bibien jew xi attrezzatura li tarmi kimika fl-arja li tgerrex jew toqtol l-insetti. Jeżistu wkoll diversi ingwenti għal fuq il-ġilda li jgerrxu l-insetti.

Qabel nagħlaq, kelmtejn fuq l-ikel. Is-sħana tas-sajf tagħmilha iktar faċli biex il-mikrobi jimmultiplikaw u għalhekk wieħed għandu jaħsel idejh ta’ spiss, jaħsel frott u ħaxix qabel jieklu, u jiżgura li laħmijiet u ħut ikunu imsajrin sew. Dan sabiex tiġi evitata gastrointerite li hija kkaratterizzata minn deni, dardir, remettar, dijarrea u uġigħ fl-istonku.