Wednesday, February 10, 2016

Ksur fl-għadam

Ksur fl-għadam jirriżulta meta l-istruttura normali tal-għadam tiġi mfixkla. Dan it- tfixkil jista' jkun minimu, bi fti kura meħtieġa, għal qawwi bħal meta l-għadam jiġi maqsum fi frak differenti. Dan tal-aħħar  spiss jirrikjedi tiswija kirurġika u perjodu twil ta' immobilizzazzjoni.

Il-ksur jista' jiġi kklassifikati bħala trawmatiku jew patoloġiku. Ksur trawmatiku jseħħ wara xi inċident,  bħal pereżempju inċidenti tal-karozzi, waqgħat u vjolenza fiżika. Ksur patoloġiku jseħħ meta għadam  magħmul dgħajjef minn mard, bħal fl-osteoporożi u l-kanċer, jinqasam mingħajr ma jkun hemm xi impatt fiżiku. Persuni żgħażagħ huma aktar suxxettibli għal ksur trawmatiku minħabba stil ta' ħajja aktar attiv u għalhekk huma iktar f'riskju ta' inċidenti tat-traffiku, korrimenti matul l-isport u ġrieħi magħmula waqt ġlied.

Bi stil ta' ħajja aktar sedentarju u suxxettibilità għall-mard kroniku, l-anzjani għandhom tendenza li jsofru aktar minn ksur patoloġiku. Ta' min jinnota li l-ammont ta' forza meħtieġa biex tikkawża ksur fl-anzjani hija inqas milli fiż-żgħażagħ u dan minħabba li l-għadam tagħhom huma spiss diġà mdgħajfa minn osteoporożi.

Siti fil-ġisem komunement involuti fi ksur huma l-polz, bħal meta wieħed jaqa' fuq l-idejn miftuħa, il-kustilji meta dawn ikunu involuti f'kanċer metastatiku, il-ġenbejn speċjalment f'waqgħat tal-anzjani u l-għekiesi waqt waqgħat jew tfekkik.

Il-kura tal-ksur kif diġà msemmi dejjem tinvolvi perjodi, li jistgħu ikunu twal, ta' immobilizzazzjoni. Dan sikwit jinkiseb permezz ta' tqegħid tal-parti affettwata fil-ġibs. Xi kultant, meta jkun hemm ksur gravi il-frammenti jkunu jridu jiġu mwaħħla flimkien permezz ta' biċċiet ta' metall f'operazzjoni taħt loppju ġenerali.


Kif jista' jkun evitat il-ksur? L-ewwel billi jiġu evitati sitwazzjonijiet li jpoġġu wieħed f'riskju, bħal sewqan bla galbu, billi wieħed jara fejn qed jimxi u jara li jimxi f'toroq mixgħula sew u mingħajr ħofor. Bl-użu ta' żraben li mhux miftuħa fuq quddiem, peress li dawn jistgħu jaqbdu ma' xi tarġa jew wiċċ tal-art imħarbat u jikkawżaw waqgħat. Id-dieta tista' wkoll tgħin. Meta wieħed jiżgura ammonti xierqa ta' kalċju u vitamina D fl-ikel l-għadam isir aktar b'saħħtu jew għall-inqas jiġi miżmum milli jiddgħajjef eċċessivament hekk kif  igerrbu s-snin. L-iżgurar li l-ġisem jieħu ammont adegwat ta' dawl tax-xemx jgħin li tiġi ġġenerata vitamina D, li tgħin biex jissaħħaħ l-għadam. Fl-aħħar nett ċerti mediċini, pereżempju antidipressanti u trankwillanti, huma maħsuba li jippredisponu għal waqgħat. Għalhekk huwa rakkomandabbli li dawn jintużaw għall-iqsar żmien possibbli, qatt għal aktar fit-tul milli t-tabib jagħti parir.