In-nerv prinċipali tal-id huwa l-'median nerve'. Dan jgħaddi minn ġol-polz f'kanal magħmul mill-għadam żgħir tal-id u msaqqaf b'ligament (transverse carpal ligament), kif turi l-istampa hawn taħt.
Meta n-nerv jiġi maqrus f'dan il-kanal il-pazjent jibda jbati minn sintomi fl-id. L-aktar kawżi komuni ta' din il-problema huma dawn li ġejjin (1).
- fatturi ġenetiċi
- trawma tal-polz bħal żlogaturi u ksur
- żbilanċ ormonali
- artrite rewmatika
- użu ripetut tal-polz bħal f'xogħol fuq kompjuter
- użu ta' għodda li jivvibraw
- tqala
- menopawsa
- xi ċesta jew tumur fil-kanal
It-terapija ta' din il-problema hi maqsuma f'żewġ fażijiet. Nibdew b'miżuri li joffru serħan immedjat mill-uġiegħ. Dan isir permezz ta' ingwenti u pilloli kontra l-infjammazzjoni (3), (4). Jista' jsir ukoll użu ta' 'splint' fejn il-polz jiġi marbut għal tul ta' żmien (5). Meta l-problema tibqa' hemm soluzzjonijiet iktar permanenti bħall-kirurġija (6). Hawhekk issir qasma żgħira fl-id biex in-nerv titnaqqas il-pressjoni minn fuqu. Huwa wkoll importanti li tinstab kura jew kontroll ta' xi kundizzjonijiet eżistenti (per eżempju dawk ormonali) kif ukoll jingħataw pariri dwar l-evitar ta' strapazz fuq il-polz.
Dr A. Cordina
Referenzi
- http://www.ninds.nih.gov/disorders/carpal_tunnel/detail_carpal_tunnel.htm
- Szabo RM. Carpal tunnel syndrome as a repetitive motion disorder. Clin Orthop Relat Res. 1998 Jun;(351):78-89.
- Wilson JK, Sevier TL. A review of treatment for carpal tunnel syndrome. Disabil Rehabil. 2003 Feb 4;25(3):113-9.
- Piazzini DB, Aprile I, Ferrara PE, Bertolini C, Tonali P, Maggi L, Rabibi A, Piantelli S, Padua L. A systematic review of conservative treatment of carpal tunnel syndrome. Clin Rehabil. 2007 Apr;21(4):299-314.
- Nobutta S, Sato K, Nakagawa T, Hatori M, Itoi E. Effects of wrist splinting for Carpal Tunnel syndrome and motor nerve conduction measurements. Ups J Med Sci. 2008;113(2):181-92.
- Badger SA, O'Donell ME, Sherigar JM, Connolly P, Spence RA. Open carpal tunnel release--still a safe and effective operation. Ulster Med J. 2008 Jan;77(1):22-4.