Saturday, February 07, 2009

Carpal Tunnel Syndrome

Nibdew bi ftit anatomija.......

In-nerv prinċipali tal-id huwa l-'median nerve'. Dan jgħaddi minn ġol-polz f'kanal magħmul mill-għadam żgħir tal-id u msaqqaf b'ligament (transverse carpal ligament), kif turi l-istampa hawn taħt.




Meta n-nerv jiġi maqrus f'dan il-kanal il-pazjent jibda jbati minn sintomi fl-id. L-aktar kawżi komuni ta' din il-problema huma dawn li ġejjin (1).

  • fatturi ġenetiċi
  • trawma tal-polz bħal żlogaturi u ksur
  • żbilanċ ormonali
  • artrite rewmatika
  • użu ripetut tal-polz bħal f'xogħol fuq kompjuter
  • użu ta' għodda li jivvibraw
  • tqala
  • menopawsa
  • xi ċesta jew tumur fil-kanal
Is-sintomi prinċipali ta' 'carpal tunnel syndrome' huma uġiegħ fil-polz, tnemnim fl-ewwel tliet swaba tal-id, u tnaqqis fil-massa muskolari tal-id (2). L-uġiegħ jista' jkun qawwi, jitla' sal-ghonq, kif ukoll jista' jqajjem lill-pazjent bil-lejl. Karatteristika tal-uġiegħ hi li l-individwa ssib mistrieħ billi ddendel idha mal-ġenb tas-sodda.
It-terapija ta' din il-problema hi maqsuma f'żewġ fażijiet. Nibdew b'miżuri li joffru serħan immedjat mill-uġiegħ. Dan isir permezz ta' ingwenti u pilloli kontra l-infjammazzjoni (3), (4). Jista' jsir ukoll użu ta' 'splint' fejn il-polz jiġi marbut għal tul ta' żmien (5). Meta l-problema tibqa' hemm soluzzjonijiet iktar permanenti bħall-kirurġija (6). Hawhekk issir qasma żgħira fl-id biex in-nerv titnaqqas il-pressjoni minn fuqu. Huwa wkoll importanti li tinstab kura jew kontroll ta' xi kundizzjonijiet eżistenti (per eżempju dawk ormonali) kif ukoll jingħataw pariri dwar l-evitar ta' strapazz fuq il-polz.


Dr A. Cordina


Referenzi
  1. http://www.ninds.nih.gov/disorders/carpal_tunnel/detail_carpal_tunnel.htm
  2. Szabo RM. Carpal tunnel syndrome as a repetitive motion disorder. Clin Orthop Relat Res. 1998 Jun;(351):78-89.
  3. Wilson JK, Sevier TL. A review of treatment for carpal tunnel syndrome. Disabil Rehabil. 2003 Feb 4;25(3):113-9.
  4. Piazzini DB, Aprile I, Ferrara PE, Bertolini C, Tonali P, Maggi L, Rabibi A, Piantelli S, Padua L. A systematic review of conservative treatment of carpal tunnel syndrome. Clin Rehabil. 2007 Apr;21(4):299-314.
  5. Nobutta S, Sato K, Nakagawa T, Hatori M, Itoi E. Effects of wrist splinting for Carpal Tunnel syndrome and motor nerve conduction measurements. Ups J Med Sci. 2008;113(2):181-92.
  6. Badger SA, O'Donell ME, Sherigar JM, Connolly P, Spence RA. Open carpal tunnel release--still a safe and effective operation. Ulster Med J. 2008 Jan;77(1):22-4.