Saturday, March 13, 2010

Sinusite

Fil-għadam tar-ras tal-bniedem hemm numru ta’ ħofor li jissejħu sinuses. Il-maġġoranza tagħhom jinstabu fil-wiċċ u hu sewwasew fuq dawn li ser nikteb f’dan l-artiklu (hemm ukoll fin-naħa ta’ wara tar-ras). Dawn il-ħofor huma ikkumnikati mal-imnieħer. (1)

 Il-funzjonijiet tas-sinuses jidhru li huma dawn li ġejjin:

• Jitnaqqas il-piż tal-għadam tal-wiċċ.
• Jinfluwenzaw il-vuċi.
• Jagħtu protezzjoni kontra daqqiet fuq il-wiċċ.
• Jipprovdu protezzjoni kontra ċaqliq fit-temperatura lill-għeruq tas-snien u l-għajnejn.
• Iżidu l-umdita` u t-temperatura tal-arja li nibilgħu. (3)

Sinusite hi dik il-marda li jkollna meta ngħidu l-frażi ‘qabadni s-sinus’. Li jiġri hu li jkun hemm nefħa tat-tessut li jkopri l-parti ta’ ġewwa tal-imnieħer u tas-sinuses li tikkawża mblokk tal-kumnikazzjoni bejniethom u b’hekk jibda jakkumula materjal fis-sinuses.(4) Din in-nefħa ġeneralment tkun ikkawżata minn waħda jew bosta minn dawn li ġejjin:

• Infezzjoni virali. (5)
• Infezzjoni batterika (4)
• Allerġija. (2)
• Varjazzjonijiet anatomiċi. (2)
• Varjazzjonijiet fil-pressjoni esterna fuq ir-ras. (2)
• Infezzjonijiet fis-snien jew proċeduri dentali. (2)
• Daqqiet fuq il-wiċċ. (2)
• Fatturi ormonali. (2)
• Tnaqqis tad-difiża immunitarja. (2)
• Inalazzjoni ta’ sustanzi irritanti. (2)
• Ventilazzjoni mekkanika. (2)
• Nixfa fl-imnieħer. (2)
• Preżenza ta’ pajpijiet fl-imnieħer. (2)
• Infezzjonijiet fil-parti ta’ fuq tas-sistema respiratorja. (2)

Is-sintomi ta’ sinusite huma mblukkar tal-imnieħer, produzzjoni ta’ katarru, uġigħ fil-wiċċ, uġigħ ta’ ras, nuqqas fis-sens ta’ xamm, telqa, deni, riħa ħażina fil-ħalq, uġigħ fis-snien, uġigħ fil-griżmejn u fastidju fil-widna. (4)

Din il-marda hi ferm komuni. Biżżejjed li wieħed jiftakar li tnejn minn kull mitt viżta fuq bażi ‘outpatient’ għand tobba tal-familja u speċjalisti oħrajn huma minħabba sinusite. (6) L-iktar li tolqot huma lil nisa ta’ bejn il-45 u l-64 sena. (6)

Fil-parti l-kbira tal-każi it-tabib mill-ewwel jagħmel id-dijanjosi u rari jkun hemm bżonn ta’ xi testijiet, ħlief f’każi gravi jew li ma jfiqux bil-mediċini. L-għanijiet tat-terapija huma li titnaqqas in-nefħa tat-tessut li jiksi s-sinuses u terġa tinfetaħ il-kumnikazzjoni bejnhom u l-imnieħer. (4) Dan biex il-katarru li jkun inġabar joħroġ, jittaffew is-sintomi u tiġi evitata infezzjoni sekondarja. (4) Ħafna mill-każi jfiqu mingħajr ma jsir rikors għall-antibijotiċi. (6)

Min-naħa tiegħu l-pazjent għandu, barra li jsegwi l-parir tat-tabib, jixrob ħafna fluwidi. (1) Ta’ min jinnota li l-għatis u sogħla jgħinu biex jitneħħa katarru magħqud u li meta wieħed jissoffja mnieħru jkun qiegħed jimbotta l-katarru lura fis-sinuses. (7)


Dr A. Cordina


Referenzi

1. http://www.dartmouth.edu/~humananatomy/part_8/chapter_52.html
2. http://www.aafp.org/afp/981115ap/fagnan.html
3. http://en.wikipedia.org/wiki/Sinuses
4. Ryan D. Management of acute rhinosinusitis in primary care: changing paradigms and the emerging role of intranasal corticosteroids. Prim Care Resp J 2008;17(3):148-155. DOI: http://dx.doi.org/10.3132/pcrj.2008.00050
5. http://www.aafp.org/afp/20041101/1685.html
6. http://www.pubmedcentral.nih.gov/articlerender.fcgi?tool=pubmed&pubmedid=18504478
7. http://www.thorne.com/altmedrev/.fulltext/11/3/196.pdf



No comments: