Wednesday, January 04, 2012

Id-dimensja

Id-dimensja hija meta l-funzjoni tal-moħħ tmur lura b’mod ġenerali fuq perjodu ta’ żmien. Din taffettwa ir-raġunar u l-imġiba tal-individwu. Iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar issir komuni, b’hekk madwar 35% tal-anzjani ta’ ’l fuq minn 85 sena eta’ għandhom xi forma jew oħra ta’ dimensja. Ħafna jassoċjaw id-dimensja mal-Alzheimer’s. Tajjeb li wieħed jgħid li l Alzheimer’s (li hi marda tan-nervituri tal-moħħ) hi biss waħda mill-kawżi tad-dimensja, kawżi oħrajn jinkludu problemi fiċ-ċirkolazzjoni tal-moħħ, problemi newroloġiċi fil-kontroll tal-muskoli, abbuż tal-alkoħol, tirojde taħdem bil-mod, nuqqas ta’ vitamina B12, u ‘mad cow disease’.

Kif jinduna wieħed li xi ħadd jiġi minnu (jew hu stess) jista’ jkollu l-bidu tad dimensja? Dawn li ġejjin huma l-iktar sinjali komuni ta’ din il-marda.

• Telf ta’ memorja, speċjalment dik riċenti. B’hekk jintesew konverżazzjonijiet li saru dakinhar jew il-ġurnata ta’ qabel jew fejn tpoġġa xi oġġett li jintuża spiss bħaċ-ċwievet.

• Problemi biex tinstab it-triq lura d-dar jew biex tinstab kamra partikulari fid-dar.

• Problemi biex jintgħarfu oġġetti jew persuni familjari (ma jagħrafx lil uliedu).

• Tibda tħawwad fil-kliem.

• Tmur lura fis-somom (ma tiħux biżżejjed flus biex tixtri).

• Jibda jsibha diffiċli jagħmel azzjonijiet sempliċi (per eż. jiftaħ bott bil-kamin).

• Diffikultà fl-ippjanar.

• Tibdil fil-personalità u burdati.

• Il-mod tal-irqad ma jibqax dak li kien (jista’ jżid jew jonqos).

• Iżid jew jonqos fl-aptit.

• Alluċinazzjonijiet (per eż. jisma’ ilħna).

Il-prevenzjoni tad-dimensja tinvolvi dieta bilanċjata, ħajja attiva kemm fiżikament u kif ukoll mentalment, u l-kontroll ta’ fatturi li jistgħu jġibu problemi ċirkolatorji (per eż. pressjoni għolja). Fir-rigward ta’ kura din tinvolvi kura ta’ fatturi li jistgħu ikunu qed iġibu id-dimensja, bħal pereżempju l-alkoħoliżmu jew mard tat-tirojde. Jeżistu wkoll mediċini speċifiċi għad-dimensja nnifisha, liema mediċini però l-għan tagħhom hu li jrażżnu id-dimensja. Sfortunatament ħafna drabi ladarba id-dimensja tkun qabdet l-individwu, din ma titilqux. Għalhekk importanti ħafna l-għajnuna ta’ qraba, ħbieb, għaqdiet volontarji u servizzi soċjali.


Dr A. Cordina

No comments: