Sunday, December 13, 2015

Attakk tal-qalb


Attakk tal-qalb hija frażi li tnissel biża f'ħafna nies, u bir-raġun hekk kif dan huwa wieħed mill-qattiela ewlenin fost il-mard. It-terminu jirreferi għal tnaqqis f'daqqa tal-provvista tad-demm għall-muskolu tal-qalb. L-aktar kawża komuni hija imblokk tal-arterji koronarji, iżda jista' wkoll ikun ikkawżat minn xkiel fil-ritmu normali tal-qalb. Meta l-muskolu tal-qalb ikollu l-provvista tad-demm tiegħu mfixkla jibda jmut, bħal kull organu jew tessut ieħor tal-ġisem, u dan iwassal biex is-sintomi jibdew iseħħu.


L-aktar sintomu komuni ta' attakk tal-qalb huwa uġigħ fis-sider. Dan huwa sikwit fin-naħa tax-xellug u huwa tipikament deskritt bħala tagħfis, jiġifieri bħallikieku qed jitpoġġa  piż fuq is-sider tal-pazjent. L-uġigħ jista' jinfirex għall-ispalla tax-xellug jew xedaq. L-uġigħ ta' attakk tal-qalb normalment idum aktar minn nofs siegħa u ma jittaffix bil-mediċini ta' kontra l-uġigħ tal-qalb. Jista jkun akkumpanjat minn qtugħ ta' nifs, dardir u għaraq. Huwa importanti li ladarba l-pazjenta tiġi konxja ta' dawn is-sintomi hu jew hi tfittex għajnuna medika minnufih. Dan għaliex attakk tal-qalb, jekk jinvolvi żona biżżejjed kbira tal-qalb, jista' jikkomprometti l-funzjoni tagħha u jirriżulta fil-mewt.

No comments: