Thursday, December 31, 2015

L-ittestjar taz-zokkor fid-demm

Storikament li tevalwa z-zokkor fid-demm dejjem kienet sfida. Fil-bidu dan kien isir permezz tal-osservazzjoni tas-sintomi ċari ta' zokkor għoli fid-demm. L-ittestjar tal-awrina tejjeb is-sitwazzjoni xi ftit billi ipergliċemija severa setgħet tista' tiġi dokumentata. Aktar avvanzi fil-monitoraġġ taz-zokkor seħħew bl-iżvilupp ta' testijiet tad-demm kapillari u dak tal-vina fis-snin sebgħin u tmenin.

L-ittestjar tad-demm kapillari għaz-zokkor juża magna imsejħa 'glucose meter' biex ikejjel il-glukosju fid-demm u jippermetti lill-pazjent biex ikollu kejl immedjat tal-glukosju fid-demm tiegħu. Qatra ta' demm titqiegħed fl-istrixxi tal-ittestjar. Dawn l-istrixxi huma mimlija b'enzima li jirreaġixxi mal-glukosju fid-demm u din ir-reazzjoni tipproduċi l-aċidu glukoniku u perossidu tal-idroġenu. Din ir-reazzjoni hija mbagħad ikkwantifikata mill-magna biex tagħti qari taz-zokkor fid-demm.

Dan il-metodu huwa inqas preċiż minn testijiet tal-laboratorju, u s-sorsi komuni ta' żball jinkludu nuqqas mill-pazjent li tkun żgurata manutenzjoni korretta u l-indafa tal-mezz, iġjene fqira tal-idejn, il-ħażna f'kundizzjonijiet mhux xierqa tal-istrixxi tal-ittestjar (umdità, eċċessi ta' temperatura), l-użu ta' ċerti mediċini (per eżempju paracetamol), estremi ta' gliċemija, u ematokritu baxx li jagħti riżultati ogħla tal-glukosju.

L-ittestjar ikun affettwat ukoll minn liema sit huwa użat. F'sitwazzjonijiet ta' livelli ta' zokkor li qed jinbidlu malajr is-sit ottimali huwa l-ponta tas-swaba. Siti oħra, bħal koxox u driegħ jistgħu jiġu kkunsidrati sabiex jitnaqqas l-uġigħ u l-iskonfort. Għandu jiġi nnutat li s-siti alternattivi joffru qari inqas preċiż. Studji kbar reċenti juru li l-monitoraġġ permezz ta' 'glucose meters', bħala parti minn programm ta' monitoraġġ iktar wiesgħa u kura komprensiva, itejjeb il-kontroll taz-zokkor fid-demm. L-evidenza hija aktar konklużiva għal pazjenti li huma kkurati bl-insulina, filwaqt li inqas ċara għal pazjenti b'dijabete tip 2.

Fuq nota finali, pazjenti li jittestjaw lilhom infushom regolarment għandhom jingħataw struzzjonijiet ċari fuq x'azzjoni għandha tittieħed abbażi tar-riżultati, u li dawn jiġu kkomunikati minnufih lill professjonista tas-saħħa bħal tabib.

No comments: